Inawgurat Incubation Centre f’Ta’ Qali

Fit-23 ta’ Frar, 2023, fil-Villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta’ Qali, ġie inawgurat Incubation Centre li se joffri spazju fejn jistgħu jinżammu bosta klassijiet u workshops għat-tfal tal-iskola biex ikun hemm aktar għarfien dwar snajja’ tradizzjonali Maltin, kif ukoll fejn l-artiġġjana, kemm lokali kif ukoll barranin, jistgħu jaqsmu s-sengħa tagħhom.​​

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, Fondi Ewropej u Artijiet Silvio Schembri qal, “Bl-inawgurazzjoni tal-Incubation Centre qegħdin pass ieħor eqreb biex il-Villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta’ Qali jkun jista’ joffri esperjenza kompluta fejn mhux biss it-turisti iżda anke l-familji Maltin jkunu jistgħu jqattgħu ġurnata jesploraw diversi snajja’ tradizzjonali. Kien ta’ pjaċir nara lill-istudenti jattendu workshop f’din il-binja, li propju se tkun qed isservi biex inressqu liż-żgħar tagħna lejn is-snajja’ tradizzjonali Maltin.”

Il-Ministru għamel referenza wkoll għall-huts ta’ żmien il-gwerra li qegħdin biswit l-Incubation Centre, u spjega li tnejn minnhom ġew restawrati biex b’hekk ikunu tifkira ħajja tal-evoluzzjoni li saret f’dan il-post.

Tnieda wkoll uffiċjalment il-branding il-ġdid għall-Villaġġi tal-Artiġġjanat kemm f’Ta’ Qali kif ukoll f’Ta’ Dbiegi, Għawdex. Dr Jean Pierre Attard, Chairperson ta’ INDIS Malta, spjega kif din id-dehra l-ġdida tkompli tagħti ħajja lill-villaġġi, u turi l-enerġija u l-multi-dimensjonalità tas-settur artiġġjanali. “Dawn il-villaġġi għandhom potenzjal enormi, u b’hekk INDIS determinata biex tara li l-ewwel fażi ta’ dan il-Villaġġ jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla,” temm jgħid Dr Attard.

Il-branding il-ġdid kien ispirat mit-tradizzjoni Maltija u minn diżinji ta’ ċrieki li jinsabu f’tempji tal-pre-istorja Maltin. Barra minn hekk, il-kuluri li ġew magħżula jissimbolizzaw id-diversità tal-kreattività ġewwa dawn il-villaġġi.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Crafts Foundation Elton Micallef qal “permezz ta’ din il-binja l-Fondazzjoni se tkun qed taħdem aktar fil-qalba ta’ dan il-villaġġ u għalhekk spalla ma’ spalla mal-artiġġjana aktar minn qabel.”

Leave a comment

Skip to content